Il-Ħobż Malti

Bħallissa hawn ħafna minna li qed jaħmu l-ħobż id-dar.  Hawnhekk għandna artiklu ta’ Ġużi Gatt li jagħti dak kollu li hu magħruf fuq kif kien isir il-ħobż tradizzjonali Malti.  Lejn l-aħħar tal-artiklu hemm ukoll stedina biex il-Maltin jerġgħu jaħmu l-ħobż bil-ħmira ta’ Malta, mhux bil-ħmira ta’ barra li tinxtara mill-ħwienet.  L-artiklu hu meħud mit-Tieni Ktieb, Qiegħda fil-ponta ta’ lsiena ta’ Ġużi Gatt.

Il-ħobż kollu tad-dinja, dari aktar mil-lum, isir minn taħlita ta’ dqiq, ilma, melħ, u xi għamla ta’ “ħmira”. Għal sekli sħaħ il-bniedem kien jaħmi ħobż bnin u tajjeb fit-togħma, bla ma fehem sewwa l-proċess ta’ kif isir il-ħobż.  Kien jemmen li “hemm xi ħaġa” fl-għaġna ta’ dqiq u ilma li ġġiegħel l-għaġina togħla. Għal sekli sħaħ kien jaf li kull għaġna ġdida trid “biċċa mill-għaġina tal-bieraħ” biex l-għaġna l-ġdida togħla u ssir ħobż.  Furnar li għal xi raġuni jkun tilef “l-għaġina tal-bieraħ” kien isib lil furnar ieħor sieħbu, li kien marbut bl-irġulija li jgħinu u jagħtih biċċa minn tiegħu.  Il-furnar kien jgħin lil dawk li kienu jagħġnu l-għaġina d-dar, u kien jagħti lilhom ukoll “biċċa mill-għaġina tal-bieraħ”.

Fl-ewwel snin tas-seklu dsatax  Pasteur ittawwal ġo mikroskopju u fehem għall-ewwel darba x’kienet il-ħmira u kif kienet taħdem.  Sa mitt sena wara, l-bniedem kien tgħallem li l-ħmira kienet magħmula minn organiżmi ħajjin li jeżistu fin-natura, għaraf jagħżel liema fost dawn l-organiżmi seta’ jaqdih l-aħjar, u ħareġ bis-Saccharomyces cerevisiae, li aħna nafuha bħala “l-ħmira ta’ barra” (bl-Ingliż: Baker’s yeast).  Ir-rivoluzzjoni Industrijali qalet ‘il barra l-għamil tal-ħobż fid-dar mill-omm, għalqet lill-furnar iż-żgħir, qalbet ta’ taħt fuq il-proċess ta’ l-għaġna, u fi żmienna qed tipproduċi ħobż li hu inqas fil-benna u eħżen fit-togħma.  L-magni l-ġodda qed jagħtu bixra ġdida lill-proċess kollu.  Il-forn magħmul mill-ġebla Maltija (tar-ratba jew tal-kwiener) tista’ tgħid li għeb għal kollox, u l-ftit li għad fadal magħmula bl-għamla l-antika qed jingħalqu u jintelqu ma’ kull ġimgħa li tgħaddi.  Jekk se nibqgħu sejrin hekk, il-ħobż tal-Malti se jinqered minn wiċċ l-art.  Biex forsi dan ma jseħħx, ejja nniżżlu dak li nafu fuq il-ħami tal-ħobż kif kien isir dari – jiġifieri dak il-proċess li ħafna minnha jiftakruh u għexuh, imma li llum qed isir “folklor”.

Il-kobor tal-forn jitkejjel minn kemm jesa’ xkejjer ta’ dqiq f’furnata waħda.  F’din il-kitba se nitkellmu bil-kejl u l-użin l-antik.  Xkora kien ikollha 80 ratal dqiq.  Minn xkora ta’ tmenin ratal kont toħroġ daqs 100 ħobża ta’ ratal.  Forn normali kien jieħu xkertejn dqiq kull furnata.  Forn kbir kien jieħu erbgħa.  L-ewwel apparat li se niġu bżonn se tkun il-MAGNA TAL-GĦAĠNA.  Dari din kienet LEMBI jew LEMBIJA kbira u l-għaġna kienet issir bl-idejn jew bis-saqajn.  Kemm il-gvern Ingliż u kemm l-awtoritajiet Maltin kienu ilhom jiffittaw u jheddu lill-furnara biex l-għaġna bl-idejn u s-saqajn tinqata’.  Minn sebgħin sa tmenin sena ‘l hawn il-furnara    beda    jkollhom magna ta’ l-injam, b’fus u frieket tal-ħadid, li kienet tiddawwar minn bhima, fuq l-istess prinċipju tas-sienja.  Dawn il-magni, disgħa u disgħin fil-mija, kienu jkunu magħmula minn Lorenzo Farrugia “tal-Magni” jew “ta’ Pupul”, imbagħad minn uliedu Ninu, Saver, u Charlie Farrugia.  Il-bhima li ddawwar il-magna ma damitx ma nqalat ‘il barra hi ukoll.  Flokha tqiegħed mutur li jaħdem bil-pitrolju jew bid-diesel.  Minn għoxrin sena ‘l hawn dawn il-magni ta’ l-injam tneħħew ukoll u tpoġġew ġo xi mużew – imma f’dil-kitba għadna qed nitkellmu fuq dawn il-magni.

L-ewwel ħaddiem li niltaqgħu miegħu hu l-GĦAĠĠIEN.  Fil-ġerarkija tal-forn dan jiġi taħt nett.  Fuq quddiem ikun hemm l-IMGĦALLEM li x’aktarx ikun SID IL-FORN.  Warajh jiġi l-ĦABBIEŻ – dak li jdaħħal il-ħobż fil-forn – għax għal dil-biċċa xogħol trid ċertu sengħa.  Imbagħad jiġi l-għaġġien li jieħu ħsieb il-magna tal-għaġna. 

Read More

Leave a Reply

Your email address will not be published.