Kliem Li Tant Daqqilna Ħlejju

Nismagħhom jgħidu li meta tkun żagħżugħ ħsiebek dejjem fil-ġejjieni. Għall-kuntrarju, meta tixjieħ, aktarx tedha taħseb fuq l-imgħoddi. Naħseb li dan hu kollu minnu. Ngħid għalija, li issa qbiżt is-sittin sewwa, mhux  l-ewwel darba li nistenbaħ kmieni u sakemm isir il-ħin biex ninżel minn soddti, ħsibijieti jmorru fuq kemm tibdil seħħ madwari minn meta kont nitrabba ma’ djul ommi.

Kitba ta’ Anton Attard. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol. 7 (2003), Nru 27.

Kemm bliet ġodda telgħu madwarna. Kemm djar qodma twaqqgħu biex telgħu oħrajn flokhom. Kemm toroq twessgħu jew saru  ġodda biex  it-traffiku, li  żdied bil-bosta, ikun jista’ jgħaddi minghajr xkiel.

Iżda mal-medda tas-snin, ma nbidlux dawn biss. Inbidel ukoll il-mod kif konna ngħixu, u aktar u aktar kif konna nitkellmu meta konna tfal aħna, daqs ħamsin jew sittin sena ilu u xi ftit inqas ukoll.  Ġegħelni naħseb aktar fuq dan il-bieraħ, meta omm  żagħżugħa għaddiet minn quddiemi flimkien ma’ wliedha; żewġt itfal żgħar qliel daqs ix-xjaten, jiġru u jaqbżu quddiemha  qishom għandhom il-molol..    “ltla”  fuq  il-bankina”.  qalet  l-omm  lil  wieħed   minnhom.   “M’intix  tara dik  il-car   ġejja  b’dak l-ispeed?”  “Ghax irrid nara t-toys li hemm fil-vetrina tal-ħanut”,  wiegeb wieħed minnhom.  “Jekk tisimgħu  minni u toqogħdu kwieti, some day this week, nara nixtrilkomx xi ħaġa”, wieġbet  l-omm, biex  forsi  tqegħedhom bi kwiethom.  “Jiena  doggie  rrid”, għajjat  iż-żghir”.  “U jien horsie  bħal dak irrid”, qabeż  il-kbir, waqt  li wrieha  n-naħa  l-oħra  tat-triq,  mnejn  kien għaddej  raġel b’żiemel  il-ġmiel tiegħu.

Minn kif dawn tkellmu bejniethom, intbaħt x’qabża hemm minn kif kienu jkellmuna dawk ikbar minna u kif konna nwieġbu aħna, meta konna żgħar. Ma kinux jgħiduIna car,  iżda paqqa.  L-istess  l-horsie.  Fost ħafna mit-tfal żgħar, illum, l-horsie ħa post it-tuttu.  L-istess il-kelb. Illum sar doggie. Meta konna żgħar aħna, mhux wuwwu kien?

B’kemm kliem, li llum ftit għadek tisimgħu, kienu jfissduna bih dawk li rabbewna. Kien kliem mirqum b’ċertu għaqal, b’mhux aktar minn żewġ sillabi, biex ikun eħfef meta  jiġi biex jitlissen miż-żgħar. Fl-istess ħin, fih kienet tinħass ċerta ħlewwa u għożża. Kemm tifkiriet ta’ tfuliti għaddew minn quddiemi jien u nġib quddiem għajnejja l-mod li bih kellmuna x-xjuħ tagħna fi ċkuniti.

Read More

Leave a Reply

Your email address will not be published.