Il-Pilastri tal-Partit Popolari

IL-LIBERTÀ, IĊ-ĊITTADINANZA U D-DRITTIJIET FUNDAMENTALI
1) Nemmnu li awtorità ċentrali għandha twettaq biss dawk il-kompiti jew ħidmiet li ma jistgħux jitwettqu f’livell aktar lokali, jew saħansitra mill-individwu. Nemmnu li dan japplika fil-livell Ewropew daqskemm fil-livell nazzjonali.
2) Nemmnu fil-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni, bħala wieħed mill-elementi ewlenin tal-mod ta’ ħajja tagħna. Nemmnu wkoll li l-flus miġbura mit-taxxi tal-poplu kollu m’għandhomx jintużaw għall-propaganda politika jew għall-finanzjament ta’ movimenti politiċi li jirappreżentaw biss parti waħda mill-poplu.
3) Nemmnu li d-dritt għall-ħajja jgħodd bis-sħiħ ukoll għat-trabi qabel it-twelid, sa mill-bidu tal-ħajja. Għalhekk, se nopponu kull tentattiv biex jiddaħħal l-abort f’Malta.
4) Nemmnu f’demokrazija aktar diretta u nappoġġaw l-użu aktar wiesa’ tar-referendum bħala għodda għat-teħid tad-deċiżjonijiet importanti. Nimpenjaw ruħna bħala partit li f’kull forum li nkunu rrappreżentati fih, nużaw il-vot tagħna skont l-istruzzjonijiet mogħtija lilna mill-membri sakemm dawn ikunu konformi mal-pilastri tal-Partit.
5) Nemmnu fil-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadin fil-politika, u nimpenjaw ruħna bħala partit li, fejn nistgħu, inwettqu l-ħidma tagħna bil-parteċipazzjoni volontarja tal-membri u qatt billi niskambjaw favuri politiċi jew wegħdiet ta’ favuri politiċi ma’ kontribuzzjonijiet finanzjarji.
6) Nemmnu f’kunċett taċ-ċittadinanza li ma jħarisx lejn il-kulur jew is-sess, u nopponu l-miżuri kollha diskriminatorji mill-istat, inkluża l-hekk-imsejħa diskriminazzjoni “pożittiva”, għajr fil-każ ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali.
7) Nemmnu li l-proprjetà privata hija pilastru fundamentali għal-libertà, u nappoġġaw id-dritt ta’ kull ċittadin li jgawdi l-frott tal-ħidma u tal-investiment tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa tal-istat li jiġbor il-fondi meħtieġa għall-funzjonament tiegħu.
IS-SAĦĦA TAL-KOMUNITÀ
1) Nemmnu fil-prinċipju li ċ-ċittadini għandhom ikunu l-ewwel rikors ta’ għajnuna għal xulxin. Għalhekk nemmnu li l-istat għandu jħalli l-ispazju xieraq għal soċjetà ċivili apolitika b’saħħitha.
2) Nemmnu li wieħed mir-rwoli tal-istat għandu jkun li jopponi l-konċentrazzjoni tas-saħħa politika u ekonomika u li jappoġġa l-parteċipazzjoni aktar wiesgħa fil-ħajja politika, ekonomika u soċjali, inkluż permezz ta’ sistema ekonomika xierqa.
3) Nemmnu li l-kejl ewlieni tas-suċċess tal-politika ekonomika għandu jkun it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja taċ-ċittadini l-iktar żvantaġġati u l-ħolqien tax-xogħol.
4) Nemmnu fil-ħarsien tal-ambjent u ta’ spjazji miftuħa fejn l-individwi u l-familji jistgħu jistrieħu u jikkultivaw ruħhom.
5) Nemmnu li l-familja tradizzjonali hija l-pedament ewlieni tal-komunità, u li l-istat għandu jappoġġaha bis-sħiħ, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-familji mhux tradizzjonali.
IL-WIRT TAGĦNA
1) Nemmnu li l-għeruq storiċi u kulturali ta’ pajjiżna jinsabu fil-Kristjanezimu u fl-Umaniżmu Ewropew, u li l-ispazju kulturali ewlieni ta’ Malta huwa l-Ewropa u d-dinja tal-Punent.
2) Nirrifjutaw kull tip ta’ inġinerija soċjali, kif ukoll il-multikulturaliżmu sfurzat u impost mill-istat.
3) Nappoġġaw għajnuna għal attivitajiet kulturali u istituzzjonijiet li kienu ċentrali għall-ħajja Maltija tul l-istorja u li jikkontribwixxu għall-identità ta’ pajjiżna, inklużi dawk ta’ natura jew ispirazzjoni reliġjuża.
IN-NAZZJON
1) Nemmnu li kull pajjiż għandu jqiegħed fl-ewwel post il-ħarsien tal-interessi taċ-ċittadini tiegħu, u li dan hu r-rwol fundamentali li l-istat inħoloq għalih. Nemmnu wkoll li pajjiż jista’ jkun f’pożizzjoni li jgħin lill-oħrajn biss wara li jkun ħa ħsieb il-ħtiġijiet taċ-ċittadini tiegħu.
2) Nemmnu li l-istat għandu jservi l-interess nazzjonali u mhux interessi speċjali.
3) Nemmnu li l-istat Malti għandu bħala prijorità jirrappreżenta lil Malta fl-Ewropa u mhux lill-Ewropa f’Malta.
4) Nopponu l-immigrazzjoni illegali fil-forom kollha tagħha, u nopponu l-abbuż tas-sistema tal-asil biex tiffaċilita l-immigrazzjoni ekonomika.
5) Nemmnu li ċ-ċittadinanza Maltija għandha tinkiseb biss permezz ta’ dixxendenza minn ċittadini Maltin, jew minn persuni mwielda f’Malta qabel pajjiżna sar stat indipendenti.
6) Nappoġġaw bis-sħiħ il-ħidma tal-forzi armati u tal-forzi tal-ordni, u nemmnu li dawn għandhom jingħataw kull appoġġ u rikonoxximent, kif ukoll il-mezzi li jeħtieġu biex iwettqu dmirijiethom.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *