M’Aħna l-Plan B ta’ ħadd

Il-Partit Popolari llum ħareġ stqarrija jirrifjuta l-ispekulazzjonijiet mxandra fuq il-ONE news li l-Partit Popolari huwa l-ħlejqa ta’ xi fazzjoni fil-Partit Nazzjonalista. Li kieku dawn l-hekk imsejjħa ġurnalisti xtaqu jkunu jafu l-verità, flok jiddependu fuq ‘sorsi qrib tal-fazzjoni Adrian Delia’, setgħu qabdu u kkuntatjaw lil wieħed mill-uffiċjali tal-partit il-ġdid, li huma mniżżla fuq l-applikazzjoni li ġiet sottomessa lill-Kummissjoni Elettorali. Iżda kulħadd jaf, li dawn interess fil-verità, ftit li xejn għandhom.

Din hija l-istqarrija sħiħa tal-Partit Popolari:

Il-Partit Popolari jiċħad l-allegazzjonijiet li saru llum minn One News li teżisti xi rabta bejn il-Partit u fazzjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Popolari m’għandu l-ebda interess fil-kunflitti interni tal-partiti tradizzjonali, imma jsejjaħ lil dawk fi ħdan dawn il-partiti li jaqsmu l-fehmiet tiegħu u li qegħdin ifittxu mod ġdid kif issir il-politika sabiex jersqu lejh u fi ħdanu jagħtu l-kontribut tagħhom għat-tiġdid tal-ħajja politika Maltija.

Il-Partit jiċħad ukoll li ismu huwa b’xi mod ispirat minn dak tal-Partit Popolari Ewropew. Minflok, dan jirreferi għall-istorja politika Maltija stess, fejn il-Partito Popolare kien wieħed mill-ewwel partiti li ħadmu biex jagħtu rappreżentanza politika lill-Maltin.

Il-Partit Popolari huwa proġett politiku fit-tul li huwa maħsub biex jistabbilixxi mudell ġdid ta’ parteċipazzjoni attiva fil-politika. Huwa maħsub ukoll biex jagħti dar politika lil dawk li ġew minsija mill-partiti tradizzjonali, fosthom dawk bi twemmin konservattiv u, fuq kollox il-ħaddiema.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *