Stqarrija 03,2020 – Rosianne Cutajar għandha terfa’ r-responsabbiltà

Il-Partit Popolari jixtieq jesprimi d-dispjaċir tiegħu lejn l-allegat aġir rappurtat fil-media, tal-Onorevoli Rosianne Cutajar. Qed nirreferu għal kuntatti li allegatament jinvolvu senserija ta madwar €50,000, li fihom hemm ikkonċernat Jurgen Fenech, li huwa taħt inkjesta dwar il-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia, kif ukoll ir-raġel ta’ waħda mill-maġistrati li hija involuta f’din l-istess inkjesta. Il-każ tal-Onorevoli Cutajar huwa partikolarment sinifikanti meta tqis li ftit tax-xhur ilu l-Onorevoli Justyne Caruana kellha tirreżenja mill-kariga ministerjali tagħha, mhux għaliex kellha kuntatt dirett mas-Sur Fenech, imma għaliex żewġha kellu x’jaqsam mal-allegat mandant ta’ dan id-delitt.

Tajjeb insemmu wkoll li l-Onorevoli Cutajar hija wara l-proposta liġi dwar l-Ugwaljanza li jekk tidħol fis-seħħ tista’ taffettwa l-libertà tal-kuxjenza ta’ diversi kategoriji ta’ professjonisti, tnaqqas l-awtorità tal-ġenituri fuq uliedhom u titfa’ f’riskju l-liberta’ sabiex gruppi reliġjużi jeżerċitaw twemminhom skont il-morali tagħhom.

Għalhekk fid-dawl ta’ dan kollu, aħna bħala Partit Popolari nitolbu li l-Onorevoli Cutajar terfa’ r-responsabilitajiet tagħha, kif ukoll li l-Prim Ministru jagħmel dmiru u jimxi l-istess kif mexa fil-bidu ta’ din l-istess sena.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *