Stqarrija 02, 2020 – ir-referendum bħala għodda ewlenija għad-demokrazija

Il-Partit Popolari jgħarraf li għalkemm mhuwiex involut fl-inizjattiva li tinsab għaddejja biex jinġabru firem għal talba biex isir referendum dwar l-immigrazzjoni f’Malta, huwa jappoġġa din l-inizjattiva, u kull inizjattiva oħra maħsuba biex l-Istat Malti jirrispetta aktar ir-rieda taċ-ċittadini tiegħu.

Fi stħarriġ wara ieħor li sar matul dawn l-aħħar snin, irriżulta li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni tal-massa hija waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin taċ-ċittadini Maltin. Issa din l-inizjattiva, li diġà kisbet l-appoġġ ta’ għexieren ta’ eluf ta’ Maltin, qiegħda mill-ġdid tfakkar lill-awtoritajiet li ma jistgħux ikomplu jinjoraw fit-tul l-opinjoni tal-maġġoranza tal-Maltin.

Il-Partit Popolari jemmen bis-sħiħ fir-referendum bħala għodda ewlenija għad-demokrazija, u qiegħed jipproponi li dan id-dritt jiġi estiż ukoll għal trattati internazzjonali, inklużi dawk li jirrigwardaw kwistjonijiet importanti bħall-immigrazzjoni, sabiex ir-rieda tal-poplu f’inizjattivi bħal din li tinsab għaddejja tkun tista’ tiġi rrispettata u implimentata bis-sħiħ.

Il-Partit jemmen li t-tisħiħ tad-demokrazija u t-twettiq tar-rieda tal-poplu jeħtieġu wkoll il-preżenza fil-Parlament ta’ partiti li huma impenjati li jwettqu r-rieda taċ-ċittadin fil-liġijiet ta’ Malta u fil-ħidma ta’ kuljum tal-gvern u tal-amministrazzjoni pubblika. Il-Partit Popolari qiegħed jaħdem biex ikun wieħed minn dawn il-partiti, u li jservi ta’ strument effettiv favur demokrazija aktar sħiħa matul is-snin li ġejjin.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *