M’għandha tiġi trasferita l-ebda setgħa lejn Brussell mingħajr raġuni

Stqarrija 02-2021

Il-Partit Popolari jappoġġa l-oppożizzjoni tal-Gvern Malti għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li jiġu armonizzati l-pagi minimi fl-Ewropa, u jopponi kull tentattiv ieħor biex deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ekonomiċi ma jibqgħux f’idejn il-popli sovrani Ewropej u jiġu kkonċentrati fi Brussell.

Aħna nemmnu li mhux biss m’għandha tiġi trasferita l-ebda setgħa lejn Brussell mingħajr raġuni valida u ċara, imma li għandhom jinġiebu lura minn Brussell setgħat li ngħataw lilha fil-passat mingħajr ġustifikazzjoni adegwata.

Madankollu, filwaqt li jinsisti li d-deċiżjonijiet dwar il-pagi minimi u dwar il-ġestjoni ekonomika ta’ pajjiżna għandhom jittieħdu biss f’pajjiżna, il-Partit Popolari jiddeplora l-għażla li għamlu dan il-gvern u dak ta’ qablu li jibnu l-ekonomija ta’ pajjiżna fuq il-pagi baxxi, u fuq l-influss bla limiti ta’ ħaddiema barranin. Filwaqt li l-ekonomija ta’ pajjiżna kibret b’rata mgħaġġla, il-paga minima żdiedet biss bi ftit punti perċentwali, u l-paga medja żdiedet biss bi ftit aktar. Dan filwaqt li l-ispejjeż tal-ħajja, mhux l-anqas dawk marbuta mal-housing, żdiedu b’pass saħansitra aktar mgħaġġel minn tal-ekonomija nnifisha.

Insejħu lill-Gvern biex minflok jipprova jkabbar l-ekonomija sempliċiment billi jżid il-ħaddiema, jagħmel dan billi jkattar l-investiment u jkabbar il-produttività tal-ħaddiem Malti stess, billi jinvesti aktar fl-edukazzjoni u fit-taħriġ.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *