Stqarrija 01, 2021 – ħadd m’għandu jiġi elett fil-Parlament biex tintlaħaq xi kwota

Stqarrija 01-2021

Il-Partit Popolari jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għall-emendi li qed jiġu diskussi fil-Parlament għall-Kostituzzjoni u l-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, li se jistabbilixxu kwoti tal-ġeneru fl-elezzjonijiet għall-Parlament Malti.

Il-Partit jopponi kull forma ta’ diskriminazzjoni, u jemmen li kull ċittadin għandu jkun ugwali quddiem il-liġi, ikun xi jkun il-ġeneru tiegħu, u dan japplika wkoll għal karatteristiċi protetti oħra. Nemmnu li ħadd m’għandu jiġi elett fil-Parlament biex tintlaħaq xi kwota, imma biss għax ikun kiseb il-fiduċja tal-eletturi f’kompetizzjoni politika ġusta. Għalhekk inwiegħdu li f’kull opportunità li jkollna naħdmu biex jitneħħew il-kwoti tal-ġeneru u kwoti oħrajn mhux biss minn din il-leġiżlazzjoni, imma minn kull leġiżlazzjoni oħra.

Filwaqt li jirrifjuta l-kwoti u mekkaniżmi diskriminatorji oħra, il-Partit Popolari jemmen li wasal iż-żmien għal parteċipazzjoni politika ikbar fost iċ-ċittadini Maltin, fosthom in-nisa u ż-żgħażagħ. Nemmnu li l-ewwel pass irid ikun li nerġgħu nagħtu l-ħajja lill-politika Maltija billi l-partiti jibdew jippreżentaw għażla koerenti u ċara għall-pajjiż, ħaġa li qed jagħmluha tajjeb numru ta’ partiti ġodda, fosthom il-Partit Popolari, imma li naqsu li jagħmluha l-partiti tradizzjonali, li huma bbażati mhux fuq l-ideat ċari imma fuq it-tama li wieħed ikun fil-gvern, bil-vantaġġi li dan jista’ jġib miegħu. Il-Partit Popolari jwiegħed li se jaħdem biex ikun ingredjent ewlieni f’politika differenti li maż-żmien terġa’ tagħti għażla vera liċ-ċittadin u terġa’ tagħmlu tassew is-sid ta’ pajjiżu.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *