Monument tal-biża
Qabel kienu jwerwru t-tfal imqarbin bl-għafrit jew bil-waħx – u illum il-ġenituri li ma jistgħux isibu tarf uliedhom donnhom ħa jkollhom alternattiva.
Hija tassew ħasra li l-karattru ħa jkollu jkun dak tal-mibki Profs Oliver Friġġieri li tant jixraqlu aħjar – iżda mix-xbieha li tawna nibża’ li dak huwa l-uniku effett li se jħalli fuq kulmin jarah. U dan ngħidu mhux bi qżież jew b’arroganza iżda b’dieqa kbira – mill-kapulavuri ta’ Gafa’ u Sciortino – spiċċajna hawn – bi speċi ta’ sura ta’ bniedem b’sidru mifqugħ, nofs kantun f’idu u b'”pincers” robotiċi ħerġin mill-post ġeneralment riżervat għall-ġenitali u b’ħarsa fuq wiċċu li tagħmel lil dawk li qed jikkontemplaw is-suwiċidju jidhru ferħanin ħdejh.
Jekk din kienet l-aħjar sottomessjoni, wieħed jitriegħed jikkontempla kif kienu jidhru l-agħar… ras ta’ insett? erba’ idejn?
u ejja!! – naf li sirna moderni issa u forsi nsejna x’inhi l-isbuħija – iżda hemm limitu għall-kollox – nimmaġina anki għall-kruha.
Romegas.