Imtieħen Għat-Tħin
Il-mitħna hi għodda maħluqa mill-bniedem biex titħan. It-tħin tal-qamħ, tax-xgħir, u tagħam ieħor ta’ din ix-xorta ilu jsir sa mill-qedem, u għalina l-Maltin, l-għamil tal-ħobż – ħobżna ta’ kuljum – kien u għadu parti minn ħajjitna.
Kitba ta’ George Cilia. Dan l-Artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Nru. 37, 2013.
Dari l-bidwi Malti jien jaħsad il-qamħ bil-minġel, jorbtu qatgħet qatgħet, iġorru għal fuq il-qiegħa, jifirxu fuqha, u jidirsu billi jġiegħel il-bhejjem tiegħu iduru fuqu u jisħquh b’saqajhom, sakemm is-sbula titfarrak u l-qamħ jingħażel mit-tiben u l-karfa. Il-bidwi kien iderri bil-midra u jlewwaħ bil-luħ sakemm fuq il-qiegħa jibqa’ biss il-qamħ li tant tħabat biex akkwista.
Il-qamħ kien jittieħed għand tal-mitħna, u t-taħħan kien iqiegħdu bejn żewġ ġebliet kbar u tqal, u waqt li dawn iduru, l-qamħ jintaħan u jsir dqid, smid, u nuħħala.
Mal-mixja taż-żmien dan ix-xogħol beda jsir minn makkinarju li għall-bidu kien jitħaddem minn bhima, bħal xi bagħal, żiemel, jew anke xi ħmar, li jkun marbut f’xi remissa b’għajnejh mgħammdin, idur u miegħu idawwar il-ġebla tal-mitħna. Il-prinċipju hu bħal dak tas-sienja, imma l-makkinarju jkun apposta biex il-mitħna titħan, u s-sienja ttella’ l-ilma. Mitħna bħal din tissejjaħ Mitħna tal-Miexi. Ġie żmien meta t-teknoġija tal-bniedem ħolqot imtieħen li jaħdmu b’raddiena li ddur minn qlugħ imbuttati mir-riħ. Il-mitħna bdiet tissejjaħ Mitħna tar-Riħ, u kienet aqwa minn bhima ghax fir-rħ ma tgħejja qatt. Tistrieħ biss meta r-riħ jieqaf.
It-taħħan tar-raħal, fl-interess tiegħu, josserva r-riħ, u meta jkun riħ tajjeb isejjaħ lin-nies biex jiġu bil-qamħ tagħhom, billi jdoqq il-Bronja – qoxra ta’ bebbuxu kbir tal-baħar, b’tarf imtaqqab biex il-qoxra tiġi qisha trumbetta. Ġieli kien imur it-taħħan stess, idur bil-ħmar, jiġbor l-iskejjer u ċ-ċrienen mimlija qamħ minn għan in-nies, u jerġa’ jroddilhom id-dqiq, is-smid, u n-nuħħala wara li jitħallas ta’ xogħlu.